skip to content

Cookies on the EU website

We use cookies to give the best experience on our site. Continue without changing your settings, and you'll receive cookies, or change your cookie settings at any time.

Continue
 
 
 

Rebbieħa 2009

L-EWWEL PREMJU

"YOUrope needs YOU!" AEGEE Krakovja

"YOUrope needs YOU!" huwa mfassal u ppjanat mill-membri tal-Forum tal-Istudenti Ewropej AEGEE. Għandu l-għan li jagħti s-setgħa lil studenti f'edukazzjoni ogħla mifruxin mal-Ewropa kollha biex isiru membri attivi tas-soċjetà. Waqt workshops nagħtuhom aktar tagħrif dettaljat biex huma jifhmu aħjar l-affarijiet Ewropej, nuruhom l-opportunitajiet li toffri l-Ewropa u ninkoraġġixxu liż-żgħar biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet billi jużaw metodi ta' edukazzjoni mhux formali. Dan il-proġett tnissel minn tim internazzjonali matul Skola Ewropea 2, kors avvanzat ta' taħriġ li jikkonċentra fuq żvilupp ta' proġetti fuq livell Ewropew. Waqt li kienu qed jagħmlu riċerka, dawk li nedew il-proġett sabu li matul il-lezzjonijiet l-Ewropa sikwit tkun ippreżentata bħala ħaġa artifiċjali, magħluqa biss f'parametri ta' storja u ġeografija. Il-fatt li ma jkunux applikati metodi interattivi jew mhux formali ta' tagħlim jaggrava n-nuqqas ta' interess fl-Ewropa, f'affarijiet Ewropej u f'valuri fost studenti ta' edukazzjoni għolja. Biex din is-sitwazzjoni tinbidel, 'YOUrope needs YOU!' jitkellem ma' studenti universitarji li jridu jaqsmu dak li jafu billi jorganizza workshops fi skejjel u jħarriġhom bħala trejners. L-ewwel taħriġ sar fil-Ġermanja u fl-Olanda u tliet sessjonijiet oħra ta' taħriġ ser isiru fil-Polonja, Spanja u t-Turkija. Mgħammra bi ktejjeb, maħluq mit-tim tal-proġett, li jiġbor fil-qosor fatti li ta' min ikun jafhom dwar l-Ewropa u l-UE, il-multikulturaliżmu, l-identità Ewropea u l-valuri, kif ukoll b'linji gwida dwar kif ikun organizzat workshop, u mħarrġin minn esperti fil-qasam, il-parteċipanti għandhom imexxu workshops fl-iskejjel. F'Diċembru 2008 sar l-ewwel workshop fi skola f'Gostyn, il-Polonja. L-Ewropa u l-possibilitajiet tagħha kienu ppreżentati lil studenti mill-Polonja u lil 30 student minn Franza fi skema ta' skambjuta' studenti. Studenti fl-età ta' bejn it-tlettax u d-dsatax-il sena wrew interess kbir fit-tema u fil-metodi użati u laqgħu l-bidla fil-kurrikulu tagħhom. Bħalissa t-tim tal-proġett jista' jirreferi għal 7 nazzjonalitajiet differenti li qed jaħdmu flimkien fuq bażi volontarja, inklużi membri tal-UE u dawk li mhumiex, u li huma ħerqanin li jaqsmu l-viżjoni tagħhom ta' soċjetà tolleranti u attiva ma' studenti f'edukazzjoni ogħla.

 

IT-TIENI PREMJU

"Festival Européen de Théâtre Universitaire d'Albi" Acthéa

Acthéa huwa festival ta' teatru universitarju u rappreżentazzjonijiet fit-triq. Acthéa huwa ġimgħa ta' logħob tan-nar kulturali - teatru internazzjonali, kunċerti f'diversi stili u rappreżentazzjonijiet fit-triq. Waqt li bena fuq esperjanza miksuba tul l-għaxar snin li ilu jiġi organizzat, il-festival issawwar u kiber matul iż-żmien, u s-suċċess tiegħu llum huwa prova ta' dak li nkiseb - Acthéa sar l-akbar avveniment kulturali f'Albi organizzat mill-istudenti. Dan il-festival idum għaddej ġimgħa matul ix-xahar ta' April. Kull filgħaxija l-pubbliku jista' jara żewġ drammi fit-teatru ta' Albi, maħdumin b'passjoni minn studenti universitarji ta' ħila mill-Ewropa kollha. Il-ġimgħa kollha tkun mimlija attivitajiet, inkluż jum iddedikat lit-tfal, li fih huma jsiru midħla tal-Ewropa u tal-kulturi tagħha permezz tal-mużika u rappreżentazzjonijiet fit-triq.

It-tim ta' Acthéa ġie stabbilit sitt snin wara li twaqqfet l-Iskola Albi-Carmaux ta' Mines, mis-Sur Mathieu Lauras, dak iż-żmien student fl-Iskola ta' Mines. Illum hija assoċjazzjoni tal-istudenti li ma tagħmilx qligħ u hija msieħba fil-junjin tal-istudenti (BDE) fl-Iskola ta' Albi ta' Mines. Hija magħmula minn madwar 30 student minn diversi klassijiet tal-Iskola. Dawn l-istudenti tal-inġinerija jagħżlu li jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom fuq bażi volontarja biex jiżguraw li l-avveniment jirnexxi. L-esperjenza miksuba mill-għaxar festivals ta' qabel hija ta' għajnuna kbira.

Acthéa, attività kulturali għal kulħadd. Aktar minn 100 kummidjant Ewropew jaħdmu matul il-ġimgħa, u jgħinu biex iqajmu l-belt u jiżviluppaw aktar il-festival. L-għan ewlieni tal-festival huwa li jinfetħu l-bibien għad-dinja tad-divertimenti għall-pubbliku kollu kemm hu, biex ikun inkoraġġit l-iskambju bejn artisti Ewropej u udjenzi Franċiżi. Din kienet ir-raġuni għaliex iffissajna l-ħlas tad-dħul għal wieħed simboliku ta' ewro, u għaliex id-dħul għall-kunċerti huwa mingħajr ħlas. Għal ammiraturi veri, kienet iffissata rata speċjali ta' 3 ewro għall-ġimgħa kollha. Kull kumpanija ta' studenti tista' ttella' produzzjoni fil-lingwa tagħha stess u taqsam il-passjoni tagħha għat-teatru. Ix-xogħol tal-palk, modi ta' taħdit, movimenti tal-ġisem u ġestikulazzjonijiet ilkoll huma mezzi ewlenin li bihom l-atturi jinftiehmu minn udjenza barranija.  
Il-festival tal-2009 ser ikun internazzjonali aktar minn qatt qabel - għadd ta' kumpaniji ta' studenti Franċiżi u barranin ser itellgħu produzzjonijiet fit-teatru muniċipali ta' Albi. Din is-sena ser jikkompetu tmien kumpaniji. B'mod partikolari, ser naraw għall-ewwel darba rappreżentazzjonijiet minn kumpanija Serba u minn kumpanija Russa. Kumpanija magħmula minn adulti żgħażagħ b'diżabilità ukoll ser tkun qed tagħmel rappreżentazzjonijiet għat-tielet darba - Papillons Blancs (Friefet Bojod). L-Acthéa 2009 ta' din is-sena tista' terġa' tinġabar fi ftit figuri: baġit ta' €18 680, tmien kumpaniji teatrali Franċiżi u barranin jikkompetu bejniethom, 100 kummidjant, udjenza teatrali ta' aktar minn 200 persuna kull serata, 1 000 kartellun u 8 000 fuljett, udjenzi ta' mhux iktar minn 200 ruħ għall-kunċerti.

 

IT-TIELET PREMJU

"Oberkannte Unterlippe" Die Diplomaten in Gummistiefeln

'Oberkante Unterlippe' ('Issa Daqshekk') huwa l-isem b'logħob tal-kliem ta' proġett edukattiv b'orjentament ekoloġiku, prattiku u msejjes fuq ir-riċerka, li fih żgħażagħ mill-Olanda, il-Polonja u l-Ungerija, flimkien man-nies li laqgħuhom għandhom f'Soest, qed jaħdmu fuq suġġett b'dimensjoni politika globali. Fit-taħdit ta' kuljum, l-espressjoni 'Oberkante Unterlippe' timplika li r-reċipjent ikun mimli jew li l-kartell ikun ser ifur, u hawn tirreferi għar-riskju li qed jiżdied ta' livelli għoljin ta' ilma u għargħar f'zoni kulturali b'popolazzjoni densa tal-Ewropa Ċentrali, fejn il-progress industrijali suppost għandu jwassal għall-bini ta' kanali għal passaġġi naturali tal-ilma. Fl-istess waqt, iżda, 'Oberkante Unterlippe' huwa wkoll l-isem ta' studju speċifiku ta' ppjanar reġjonali tas-sezzjoni ta' isfel tax-Xmara Lippe, tributarja tar-Rhine.

Il-proġett huwa dwar l-isfida politika li ġabet magħha l-protezzjoni mill-għargħar, kemm bħala sfida demokratika għall-awtoritajiet lokali u kemm bħala biċċa xogħol li tmur lil hinn mill-konfini territorjali. L-għargħar li kien hemm fis-sajf tal-2007 reġa' fakkarna fil-fatt li l-protezzjoni mill-għargħar għandha tkun ittrattata b'urġenza, biex f'perjodi ta' temp ħażin in-nies li joqogħdu ħdejn xmajjar ma jkunux dejjem beżgħana li dawk ix-xmajjar ifuru għal fuq l-art. Minħabba li l-bnedmin huma l-aġenti prinċipali tal-bidla fil-klima, u, għalhekk, tal-problemi mill-għargħar marbutin magħha, għandna l-obbligu li nsibu kif insolvu din il-problema. Minħabba li nqisu minn osservazzjonijiet tagħna dwar problemi mill-għargħar li dawn mhumiex biss problema lokali, kellimna lil żgħażagħ li jgħixu fl-ibliet ta' Strzelce Opolskie (il-Polonja), Sárospatak (l-Ungerija) u Kampen (l-Olanda), li għandhom ġemellaġġ magħna, għidnilhom dwar ir-riżultati tal-istudji tagħna dwar ix-Xmara Lippe, u stedinnihom jiddiskutu s-suġġett magħna, f'termini prattiċi, fuq il-post, minħabba li n-natura u l-protezzjoni ambjentali ma jafux b'konfini: il-problemi għandhom ikunu analizzati u miżuri żviluppati fuq bażi transkonfinali. Mbagħad huma għamlu studji komparabbli dwar sitwazzjonijiet ta' għargħar fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom: fuq ix-Xmara Oder qrib Strzelce Opolskie, fuq il-Bodrog f'Sárospatak u fuq l-IJssel f'Kampen. Stajna mbagħad nużaw dawk l-istudji bħala punti ta' paragun għar-riċerka konġunta tagħna fuq dawk il-ħbula ta' artijiet mistagħdra ta' Lippe li nġiebu fl-istat naturali li kienu fih qabel.

Fil-ħarifa tal-2007, iltqajna lkoll flimkien, bħala grupp ta' ħidma internazzjonali, fuq ix-xtut tal-Lippe, u għamilna studji ekoloġiċi u bijoloġiċi konġunti fuq il-post. 'Hemm tweġibiet lokali għal problemi globali?' Dik kienet il-mistoqsija li adottajna bħala t-tema ċentrali tal-proġett tagħna, li fih tinħoloq rabta bejn azzjoni lokali u impenji soċjali fuq skala globali. L-għan tagħna huwa li nuru li r-riżultati tal-globalizzazzjoni dejjem jinħassu f'livell lokali wkoll, u li dawn jaffettwaw lill-bnedmin individwalment, iżda aħna wkoll - u fuq kollox - qed infittxu li nidentifikaw modi ta' azzjoni li jwasslu għal impenn demokratiku min-naħa tas-soċjetà ċivili. Dak li qed infittxu mhix ir-rassenjazzjoni quddiem il-globalizzazzjoni, iżda pjuttost inkoraġġiment biex nipparteċipaw u jkollna x'naqsmu b'mod attiv. Dawk huma l-miri prospettivi  tal-proġett tagħna. Barra min dan, il-punt fokali komuni li ġġib magħha t-theddida ta' għargħar li ħassew il-komunitajiet li fihom jinsabu l-iskejjel li qed jieħdu sehem hija xi ħaġa li tgħaqqad lil dawk il-komunitajiet fl-oqsma tas-suġġett koperti mill-istudju, li tagħmilha ħaġa aktar minn sempliċi sħubija bejn skejjel. Wara li kull tim għamel preżentazzjoni dwar l-istudju ekoloġiku lokali tiegħu, aħna mbagħad qattajna għaxart ijiem fl-artijiet mistagħdra tal-Lippe, nistudjaw l-effetti li kienu jidhru tal-proġett li kien sar hemmhekk biex l-artjiet jinġiebu lura fl-istat naturali tagħhom. Għamilna dan billi ffurmajna sottogruppi ta' nazzjonalitajiet imħallta, li studjaw oqsma tas-suġġett individwali f'aktar dettall, bħal analiżi tal-ilma, u studji dwar il-flora u l-fawna, imma wkoll preżentazzjonijiet grafiċi u teatrali tas-sitwazzjoni u tal-ambjent. Ir-rapporti bijoloġiċi kienu akkumpanjati minn proċessar u preżentazzjoni ta' riżultati kreattivi u bbażati fuq il-midja. Ir-riżultati tal-istudji juru li r-restawr tal-Lippe kien suċċess, tant li l-flora u l-fawna naturali li reġgħu ġew introdotti qed ikunu ta' rimedju effettiv meta l-kwistjoni jkollha x'taqsam ma' livelli baxxi u medji ta' għargħar. Iżda juru wkoll li r-riżultati tat-tisħin globali jinħassu wkoll fl-indikaturi bijoloġiċi tar-reġjun tal-Lippe. Għall-konklużjoni tal-proġett organizzajna diskussjoni minn penil li fih ħadu sehem kemm dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll parteċipanti fil-proġett. Fl-aħħar nett, bgħatna kopja tar-riżultati prattiċi u lista ta' talbiet għal azzjoni politika u ekoloġika fil-pajjiżi kollha involuti lill-parlamenti u lill-ministri kompetenti. Permezz ta' Dr Peter Liese, Membru tal-Parlament Ewropew li wkoll ħa sehem fil-penil tad-diskussjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kummissarju tal-UE responsabbli ukoll qed jinżammu mgħarrfin. Il-proġett irċieva livell għoli ta' rikonoxximent minn esperti meta rebaħ il-premju tar-Rhine-Westphalia ta' Fuq għall-ambjent, mogħti fil-kompetizzjoni 'Jugend forscht' (Riċerka dwar iż-Żgħażagħ), li fiha uħud mill-parteċipanti tagħna għamlu preżentazzjoni dwar is-suġġett. Bħalissa qed inħejju biex nissoktaw bil-proġett: fil-ħarifa tal-2009 se norganizzaw avveniment fl-Olanda jismu 'Effetti tal-bidla fil-klima fil-każ tal-Olanda' (titlu provviżorju) taħt it-tmexxija ta' sħabna l-Olandiżi. Għal dan se jkollhom x'jaqsmu żgħażagħ minn ħames pajjiżi (NL, PL, H, S u D). Huwa se jkun il-ħmistax-il proġett Ewropew tagħna flimkien.

 .