skip to content

Cookies on the EU website

We use cookies to give the best experience on our site. Continue without changing your settings, and you'll receive cookies, or change your cookie settings at any time.

Continue
 
 
 

Rebbieħa 2016

U l-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2016 jingħata lil...

Il-proġett Taljan InteGREAT favur l-integrazzjoni tar-rifuġjati huwa r-rebbieħ ta' din is-sena tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ. Il-premju jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlu Manju lil żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 30 sena li jkunu ħadu sehem fi proġetti li jgħinu l-promozzjoni tal-komprensjoni bejn persuni minn pajjiżi differenti tal-Ewropa. Iċ-ċerimonja saret f'Aachen, fil-Ġermanja, fit-3 ta' Mejju.

Dwar il-Premju

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej għandu l-għan li jħeġġeġ l-iżvilupp ta' kuxjenza Ewropea fost iż-żgħażagħ, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti relatati mal-integrazzjoni Ewropea. Il-Premju jingħata b'mod konġunt u annwali mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlu Manju ta' Aachen.

Ir-rappreżentanti tat-28 proġett rebbieħ fil-livell nazzjonali ġew mistiedna għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fit-3 ta' Mejju f’Aachen, u ngħataw diploma kif ukoll midalja. Il-proġetti li ġew l-ewwel, it-tieni u t-tielet rebħu €5000, €3000 u €2000 rispettivament.

Ir-rebbieħa tal-2016

1 InteGREAT (l-Italja)

Proġett li nħoloq mill-AIESEC bl-għan li jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha jgħinu lir-rifuġjati jintegraw. Il-proġett jorganizza workshops, attivitajiet rikreattivi, seminars u avvenimenti oħrajn, u jinvolvi voluntiera internazzjonali kif ukoll NGOs u komunitajiet lokali.

2 Searching for Charlemagne (il-Greċja)

Dan hu proġett tal-istudenti ta' liċeo f'Pyrgetos, fil-Greċja, li żviluppaw logħba għat-tablets dwar Carolus Magnus (742–814 AD), magħruf aħjar bħala Karlu Manju, il-ħallieq tal-Imperu tal-Franki, li fi żmienu kien magħruf bħala Missier l-Ewropa għat-tentattivi tiegħu biex joħloq unjoni.

3 Young European Council (ir-Renju Unit)

Il-Kunsill Ewropew Għaż-Żgħażagħ huwa konferenza internazzjonali ta' kull sena li tiġbor flimkien żgħażagħ li għandhom għal qalbhom il-futur tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li jingħata kontribut għat-tfassil tal-politika Ewropea. Il-konferenza tas-sena l-oħra saret bejn il-15 u d-19 ta’ Novembru fi Brussell, u kienet tinkludi tliet panels iddedikati għat-temi li ġejjin: Il-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni, l-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika kif ukoll l-Edukazzjoni u l-Impjieg.

Segwi l-Premju fuq Twitter permezz tal-hashtag @EUYouthPrize u l-avveniment bil-hashtag #ECYP2016.