skip to content

Cookies on the EU website

We use cookies to give the best experience on our site. Continue without changing your settings, and you'll receive cookies, or change your cookie settings at any time.

Continue
 
 
 

Regoli tal-Kompetizzjoni

Artikolu 1: It-tema tal-kompetizzjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jistiednu liż-żgħażagħ mill-Istati Membri kollha tal-UE biex jipparteċipaw f'kompetizzjoni dwar l-iżvilupp tal-UE, l-integrazzjoni u kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-identità Ewropea.

Il-'Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej' jingħata lill-proġetti li:

  • jippromwovu l-fehim Ewropew u internazzjonali,
  • irawmu sens kondiviż ta' identità Ewropea u integrazzjoni,
  • iservu ta' mudell għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.

Il-proġetti jistgħu jiffukaw fuq l-organizzazzjoni ta' diversi avvenimenti għaż-żgħażagħ, skambji taż-żgħażagħ jew proġetti online b'dimensjoni Ewropea.

Artikolu 2: L-iskadenza għall-applikazzjonijiet

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija t-30 ta' Jannar 2017. L-applikazzjonijiet għandhom jimtlew online fuq il-website tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej (www.charlemagneyouthprize.eu).

Għal aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Segretarjat tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej f'dan l-indirizz: ECYP2017@ep.europa.eu

Artikolu 3: Ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni

Il-parteċipanti jrid ikollhom bejn 16 u 30 sena u jridu jkunu ċittadini jew residenti ta' wieħed mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipanti jistgħu japplikaw individwalment jew fi gruppi; fil-każ ta' proġetti ta' gruppi jew proġetti transfruntiera, il-proġett jista' jiġi ppreżentat f'pajjiż wieħed biss li huwa marbut mill-qrib mal-proġett.

Huma eliġibbli applikazzjonijiet bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-proġetti ppreżentati għall-kompetizzjoni diġà jridu jkunu nbdew u:

a) tlestew bejn l-1 ta' Jannar 2016 u t-30 ta' Jannar 2017, jew

b) ikunu għadhom għaddejjin.

L-applikazzjonijiet kollha jridu jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

  • Kunjom u isem l-applikant jew kunjom u isem il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata f'każ ta' grupp jew organizzazzjoni
  • Il-pajjiż ta' residenza
  • In-nazzjonalità
  • Id-data tat-twelid
  • L-indirizz elettroniku
  • In-numru telefoniku
  • Il-website (jekk disponibbli)
  • It-titlu tal-proġett
  • Taqsira bl-Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż
  • Il-pajjiż fejn ikun ġie ppreżentat il-proġett
  • Deskrizzjoni sħiħa tal-proġett
  • Dikjarazzjoni dwar il-finanzjament mill-UE

Jiġu aċċettati biss proġetti ppreżentati permezz tal-formola online.

Artikolu 4: Esklużjoni mill-parteċipazzjoni

Il-proġetti li ġejjin mhumiex eleġibbli (mhux aċċettati):

  • proġetti li għadhom qed jiġu ppjanati u li għadhom ma nbdewx
  • proġetti ppreżentati minn persuni li jaħdmu mal-istituzzjonijiet Ewropej u fil-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen
  • teżijiet u pubblikazzjonijiet akkademiċi
  • proġetti li jirċievu finanzjament ta' aktar minn 50% mill-istituzzjonijiet tal-UE intiż biex ikopri infiq marbut mal-fażi ta' twettiq reali tal-proġett (bl-esklużjoni tal-ispejjeż kurrenti, bħall-ispejjeż għall-parteċipanti)
  • proġetti li diġà ngħataw premju minn Istituzzjoni Ewropea. Dan jinkludi l-aħħar tliet rebbieħa Ewropej tal-edizzjonijiet preċedenti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej.
  • proġetti ppreżentati manwalment jew bil-posta, proġetti b'applikazzjoni mhux kompleta jew applikazzjonijiet li jintbagħtu f'diversi partijiet.

Artikolu 5 Il-kriterji ta' valutazzjoni

Il-proġetti se jkunu valutati skont il-prinċipji li ġejjin:

  • għandhom jissodisfaw l-objettivi tal-kompetizzjoni: jippromwovu l-fehim Ewropew u internazzjonali; irawmu l-iżvilupp ta' sens kondiviż ta' identità Ewropea u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda;
  • se tingħata prijorità lil progetti li nħolqu b'mod konġunt minn żgħażagħ li jirrappreżentaw bosta Stati Membri.
  • se tingħata attenzjoni lil proġetti mwettqa fuq bażi volontarja.

Artikolu 6 Il-proċedura tal-għażla

Ir-rebbieħ tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej se jingħażel fi proċess ta' żewġ stadji.

L-ewwel stadju: il-ġuriji nazzjonali, li jikkonsistu f'tal-anqas żewġ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) u rappreżentant wieħed ta' organizzazzjoni taż-żgħażagħ, jagħżlu rebbieħ nazzjonali wieħed minn kull wieħed mit-28 Stat Membru sal-15 ta' Marzu 2017.

It-tieni stadju: il-ġurija Ewropea, li tikkonsisti fi tliet Membri tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew, kif ukoll erba' rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen, se tagħżel ir-rebbieħ minn fost it-28 proġett ippreżentati mill-ġuriji nazzjonali sal-11 ta' April 2017.

Id-deċiżjoni tal-ġurija Ewropea hija finali. Il-ġurija għandha d-dritt li tirrifjuta kwalunkwe proġett imressaq li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni.

Artikolu 7 Il-premju

Il-premju għall-aħjar proġett huwa ta' €7 500, it-tieni €5 000 u t-tielet €2 500.

Għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni f'Aachen, il-Ġermanja, fit-23 ta' Mejju 2017, se jiġi mistieden rappreżentant wieħed mit-28 proġett rebbieħ fil-livell nazzjonali.

Il-premji għall-aħjar tliet proġetti jiġu ppreżentati mill-President tal-Parlament Ewropew u minn rappreżentant tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen.

Bħala parti mill-premju, ir-rebbieħa se jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew (fi Brussell jew fi Strasburgu).

Artikolu 8 Id-drittijiet tal-awtur

Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen għandhom id-dritt jirriproduċu l-materjal ippreżentat għat-tħejjija tal-preżentazzjonijiet, għall-użu mill-mezzi ta' komunikazzjoni u għal skopijiet promozzjonali.

Artikolu 9 Ir-responsabilità

L-organizzaturi ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-annullament, il-posponiment jew il-modifika tal-kompetizzjoni minħabba ċirkustanzi mhux previsti. Huwa rrakkomandat ħafna li l-applikazzjonijiet ma jintbagħtux fl-aħħar minuta. Jista' jagħti l-każ li l-konnessjoni tal-internet tkun batuta, ikun hemm problemi fis-servers jew fatturi oħra li l-organizzaturi m'għandhomx kontroll fuqhom, u li minħabba fihom l-applikazzjonijiet ma jaslux fil-ħin.

Artikolu 10 L-aċċettazzjoni ta' dawn ir-regoli

Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni timplika l-aċċettazzjoni sħiha ta' dawn ir-regoli.