Regoli tal-Kompetizzjoni
Artikolu 1: Tema tal-kompetizzjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen jistiednu liż-żgħażagħ mill-Istati Membri kollha tal-UE biex jieħdu sehem f'kompetizzjoni dwar l-iżvilupp tal-UE, l-integrazzjoni u kwistjonijiet dwar l-identità Ewropea.
Il-'Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ Ewropej' jingħata lill-proġetti, li
- jippromwovu l-għarfien Ewropew u internazzjonali,
- irawmu l-iżvilupp ta' sens reċiproku ta' identità u integrazzjoni Ewropea,
- iservu bħala mudell għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimikien bħala komunità waħda.
Il-proġetti jistgħu jiffukaw fuq l-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet taż-żgħażagħ, skambji taż-żgħażagħ jew proġetti bl-Internet b'dimensjoni Ewropea.
Artikolu 2: Skadenza tal-Applikazzjoni
Id-data tal-iskadenza tal-applikazzjoni hija t-23 ta' Jannar 2012. Il-formoli tal-applikazzjoni jinsabu fil-websajts tal-Premju Ewropew Charlemagne għaż-Żgħażagħ (www.charlemagneyouthprize.eu) u tal-Uffiċċji nazzjonali tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Għal aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċji nazzjonali tal-Informazzjoni.
Artikolu 3: Ir-Rekwiżiti tal-Parteċipazzjoni
L-applikanti jrid ikollhom bejn is-16 u t-30 sena.
Il-parteċipanti jridu jkunu ċittadini jew residenti ta' wieħed mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-parteċipanti jistgħu japplikaw b'mod individwali jew fi gruppi; f'każ ta' gruppi jew ta' proġetti multinazzjonali, il-proġett jista' biss jitressaq f'pajjiż wieħed.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-proġetti mressqa għall-kompetizzjoni jridu jkunu nbdew u:
a) intemmu matul is-sena kalendarja (12-il xahar) qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni attwali jew
b) ikunu għadhom għaddejjin.
L-applikazzjonijiet kollha għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
- Titlu tal-proġett
- Il-kunjom u l-isem tal-applikant u l-isem tal-organizzazzjoni (jekk japplika)
- In-nazzjonalità
- Id-data tat-twelid
- L-indirizz ta' kuntatt
- L-indirizz tal-posta elettronika
- In-numru tat-telefown (numru ta' mowbajl u/jew ta' linja fissa)
- Is-sit tal-Internet: (jekk japplika)
- Deskrizzjoni sħiħa tal-proġett
- Sommarju (1-3 paġni) bl-Ingliż, bil-Franċiż jew il-Ġermaniż
- Dikjarazzjoni dwar l-iffinanzjar mill-UE (jekk japplika)
L-applikanti għandhom iżommu kopja tal-materjal għaliex dan jista' ma jingħatax lura mill-ġuriji tal-għażla.
Artikolu 4: Esklużjoni mill-Parteċipazzjoni
Il-proġetti li ġejjin ma jkunux eliġibbli:
- proġetti ppreżentati minn persuni li jaħdmu fl-istituzzjonijiet Ewropej u fil-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen.
- teżijiet u pubblikazzjonijiet akkademiċi.
- proġetti li jirċievu finanzjament ta' aktar minn 50% minn istituzzjonijiet tal-UE ħlief jekk dan il-finanzjament ikun biss il-bidu ta' proġett jew ikopri biss l-ispejjeż kurrenti ta' programm, bħall-ispejjeż tal-parteċipanti, filwaqt li t-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġett isiru fuq bażi volontarja.
- proġetti li diġà rċevew premju mogħti minn istituzzjoni Ewropea. Dawn jinkludu t-tliet rebbieħa finali tal-edizzjonijiet preċedenti tal-Kompetizzjoni tal-Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ Ewropej.
- proġetti ppreżentati b'applikazzjoni mhux kompluta jew applikazzjonijiet mibgħuta f'diversi partijiet.
Artikolu 5: Il-Kriterji ta' evalwazzjoni
Il-proġetti jiġu evalwati skont il-prinċipji li ġejjin:
- Għandhom jissodisfaw l-għanijiet tal-kompetizzjoni: jippromwovu l-għarfien Ewropew u internazzjonali; irawmu l-iżvilupp ta' sens reċiproku tal-identità Ewropea u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.
- Tingħata prijorità lill-proġetti maħluqa b'mod konġunt minn żgħażagħ li jirrappreżentaw għadd ta' Stati Membri.
- Tingħata attenzjoni lill-proġetti li jkunu saru fuq bażi volontarja.
Artikolu 6: Il-Proċess tal-għażla
Ir-rebbieħ tal-Kompetizzjoni tal-Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ Ewropej jintgħażel permezz ta' proċess maqsum fi tnejn.
L-ewwel fażi: ġuriji nazzjonali magħmula minn mill-inqas żewġ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) u rappreżentant ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jagħżlu rebbieħ nazzjonali minn kull wieħed mis-27 Stat Membru sal-5 ta' Marzu 2012.
It-tieni fażi: il-ġurija Ewropea magħmula minn tliet MEPs, il-President tal-Parlament Ewropew, u erba' rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen tagħżel ir-rebbieħ mis-27 proġett ippreżentati mill-ġuriji nazzjonali sal-5 ta'April, 2012.
Id-deċiżjoni tal-ġurija Ewropea hija finali. Il-ġurija żżomm id-dritt li tirrifjuta kull applikazzjoni li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni.
Artikolu 7: Il-Premju
Il-premju għall-aħjar proġett huwa ta' €5000, it-tieni ta' €3000 u t-tielet ta' €2000.
Ir-rappreżentanti tas-27 proġett nazzjonali magħżul jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni f'Aachen, il-Ġermanja fil-15 ta' Mejju, 2012.
Il-premjijiet għall-aħjar tliet proġetti jiġu ppreżentati mill-President tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentant tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen.
Bħala parti mill-premju, ir-rebbieħa jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew (fi Brussell jew Strażburgu).
Artikolu 8: Drittijiet tal-awtur
Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Charlemagne ta' Aachen iżommu d-dritt li jużaw il-materjal li jingħata, għal skopijiet ta' preżentazzjoni u użu mill-midja u għar-riproduzzjoni tiegħu għal skopijiet promozzjonali.
Artikolu 9: Responsabilità
L-organizzaturi ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-kanċellazzjoni, il-posponiment jew modifika tal-kompetizzjoni minħabba ċirkostanzi mhux previsti, u lanqas għal xi serq, telfien, dewmien jew ħsara matul it-trasport tal-applikazzjonijiet.
Artikolu 10: Aċċettazzjoni tar-regolament
Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni timplika l-aċċettazzjoni sħiħa ta' dawn ir-regoli.




